Monday, February 24, 2014

Saċerdot Malti li ħadem favur il-Liturġija bil-Latin

Il-Liturgija fil-Hajja tal-Parrocca - Fuljett il-Marsa Gunju 1973
Artiklu dwar Patri Donat Spiteri fejn tispikka l-ħidma tiegħu favur il-Liturġija bil-Latin.

Saċerdot Malti li ħadem ħafna favur il-Liturġija - inkluża dik bil-Latin - kien il-mibki Kapuċċin Patri Donat Spiteri. Fl-artiklu ppubblikat madwar 40 sena ilu, Patri Spiteri juri kif permezz tal-Missa dialogata għallem il-lajċi tal-Marsa, b'dawn tal-aħħar jieħdu sehem attiv fil-Quddiesa Tridentina. 

Dan seħħ fiż-żmien li Patri Donat kien kappillan tal-parroċċa tat-Trinita' Qaddisa, il-Marsa (bejn l-1958 u l-1967). L-aktar iżda li dan is-saċerdot jibqa' magħruf huwa fil-qasam Bibbliku. Fost l-oħrajn:
  • bejn l-1966 u l-1988 kien għalliem u Professur ta’ l-istudji Bibbliċi fil-Fakulta' tat-Teoloġija fl-Universita’ ta’ Malta; 
  • mal-Prof. Karm Sant u oħrajn waqqaf l-Għaqda Bibblika Maltija li tagħha kien President. L-aqwa opra ta’ din  l-Għaqda kienet il-pubblikazzjoni tal-Bibbja bil-Malti;
  • kellu sehem kbir fit-twaqqif tad-Dar il-Bibbja fil-Furjana bħala Ċentru Bibbliku;
  • kien ukoll awtur ta’ għadd ta’ kotba b’temi teoloġiċi tal-Bibbja fosthom il-Ktieb tas-Salmi, Dizzjunarju Bibbliku – Temi Teoloġiċi, l-Evanġelji ta’ San Mattew u San Luqa, u l-Ktieb tal-Atti tal-Appostli; 
  • dar il-parroċċi kollha ta’ Malta u Għawdex jagħmel korsijiet Bibbliċi;
  • ħareġ Kliem il-Ħajja, ktejjeb ta’għajnuna għall-qari tal-Bibbja u paġna ċkejkna kuljum b’silta mit-test tal-Kotba Mqaddsa.