Saturday, July 28, 2012

Sena tal-Fidi 2012-2013

http://maltadiocese.org/files/2012/05/00693_28052012.jpg 


Naħseb li bħala għaqda bbażata f'Malta, tajjeb li Pro Tridentina (Malta) tieħu sehem f'attivitajiet matul is-Sena tal-Fidi, bil-għan li l-kariżma tagħha tkun aktar magħrufa. Tajjeb għalhekk li jiġi ppubblikat hawn taħt dokument meħud mis-sit tas-Segretarjat għal-Lajċi, Arċidjoċesi ta' Malta :





Rakkomandazzjonijiet  Pastorali għas-Sena tal-Fidi

(Ħajr lil Ms Vivienne Attard għat-traduzzjoni għall-Malti.)

Belt tal-Vatikan, 7 ta’ Jannar 2012 (VIS) : Il-Kongregazzjoni għad-Duttrina tal-Fidi llum ippublikat Nota li fiha hemm rakkomandazzjonijiet pastorali għas-Sena tal-Fidi. Hawn taħt għandkom issibu fil-qosor ġabra ta’ siltiet meħuda mill-verżjoni bl-Ingliż.

“Bl-ittra appostolika “Porta fidei” tal-11 ta’ Ottubru 2011, il-Papa Benedittu XVI  iddikjara Sena ta’ Fidi,  li ser tibda fil-11 ta’ Ottubru 2012 u tintemm fl-24 ta’ Novembru 2013, fis-solennità tal-Mulej Ġesù Kristu, Sultan tal-Univers”.

“Id-data tal-bidu tas-Sena tal-Fidi taħbat id-data ta’ żewġ anniversarji importanti ta’ ġrajjiet li ħallew marka fil-ħajja tal-Knisja ta’ żmenijietna: il-ħamsin anniversarju mill-ftuħ tal-Konċilju Vatikan II  u l-għoxrin anniversarju  minn meta ġie mniedi l-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika.”

Rakkomandazzjonijiet għall-Knisja Universali.

 

1.      Il-ġrajja ekkleżjali l-aktar importanti ser tkun it-tlettax Assemblea Ġenerali tas-Sinodu Ordinarju tal-Isqfijiet  li ser isir f’Ottubru.  Is-suġġett ser ikun “L-Evanġelizzazzjoni Ġdida għat-Tixrid tal-Fidi Nisranija”. Is-Sena tal-Fidi tibda waqt dan is-Sinodu.

2.            Tajjeb inħeġġu li jsiru pellegrinaġġi għas-Santa Sede u għall-Art Imqaddsa.

3.        L-insara għandhom ikunu mistiedna jagħrfu r-rwol speċjali ta’ Marija fil-misteru tas-salvazzjoni, biex iħobbuha u jimxu fuq il-passi tagħha bħala mudell ta’ fidi u virtù.

4.          Għandhom isiru  simpożji, konferenzi u laqgħat  biex wieħed ikun jista’ jiltaqa’ ma’ xhieda awtentika tal-fidi u jsir jaf dejjem aktar il-kontenut tad-duttrina Kattolika, speċjalment it-tagħlim tal-Konċilju Vatikan II.

5.          Jeħtieġ nidħlu aktar fil-fond fid-dokumenti  ewlenin tal-Konċilju Vatikan II u tal-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika. Dan hu rakkomandat l-aktar  lil dawk  kandidati għas-saċerdozju, lin-novizzi f’istituzzjonijiet ta’ Ħajja Konsagrata u Soċjetajiet ta’ Ħajja Appostolika, u anki lil min ikun qed jagħmel perijodu ta’ dixxerniment biex jissieħeb f’Assoċjazzjoni jew Moviment Ekkleżjali.

6.        Jeħtieġ tingħata aktar attenzjoni għal dak li jgħid il-Papa fl-omeliji, fil-katekeżi, fl-ittri, fid-diskorsi u dokumenti oħra tiegħu. 

7.     Nippjanaw inizjattivi ekumeniċi bl-għan li nsaħħu l-għaqda bejn l-Insara kollha. Issir ċelebrazzjoni ekumenika solenni li fiha l-imgħammdin kollha jistqarru mill-ġdid il-fidi tagħhom fi Kristu.

8.        Ser jitwaqqaf Segretarjat  fi ħdan il-Kunsill Pontifiċju għall-Promozzjoni tal-Evanġelizzazzjoni Ġdida  biex jikkordina l-inizjattivi differenti tas-Sena tal-Fidi. Dan is-Segretarjat ser  iniedi  website  dedikata għal dan.

9.     Fl-aħħar tas-Sena tal-Fidi, fis-Solennità ta’ Kristu Sultan, il-Qdusija tiegħu l-Papa ser jagħmel ċelebrazzjoni Ewkaristika, li fiha jsir it-tiġdid solenni tal-istqarrija tal-fidi.


Rakkomandazzjonijiet għall-konferenzi episkopali

http://c257.r57.cf3.rackcdn.com/562d46033d984fc3887a8935ec8dad281231041923-1338223575-4fc3abd7-620x348.jpg

10.  Jiddedikaw ġurnata ta’ studju dwar il-fidi, ix-xhieda personali tal-fidi u t-trażmissjoni tal-fidi lill-ġenerazzjonijiet ġodda.

11.    Jinkoraġġixxu l-publikazzjoni ta’ edizzjonijiet ekonomiċi tad-dokumenti tal-Konċilju Vatikan II, tal-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika u tal-Kompendju tiegħu, u jaraw li  dawn id-dokumenti jaslu  b’mod  aktar wiesgħa permezz ta’ mezzi teknoloġiċi moderni.

12.       Jaraw li ssir ir-traduzzjoni tad-dokumenti tal-Konċilju Vatikan II u tal-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika b’dawk il-lingwi  fejn  it-traduzzjoni għadha ma saritx. Jinkoraġġixxu  inizjattivi  biex tkun tista’ tingħata għajnuna ħalli jsir ix-xogħol tat-traduzzjoni f’artijiet tal-missjoni, fejn il-Knisja lokali m’għandhiex il-fondi meħtieġa għal din l-ispiża.

13.       Jippromwovu trażmissjonijiet televiżivi jew bir-radju, films u publikazzjonijiet li jiffukaw fuq il-fidi u fuq il-Konċilju Vatikan II.  Dan għandu jsir billi jintużaw stili ġodda ta’ komunikazzjoni, b’livell popolari.

14.       Jaraw li tkun  magħrufa dejjem aktar il-ħajja tal-qaddisin u tal-beati lokali, xhieda awtentiċi tal-fidi.

15.    Ikabbru kemm nistgħu l-potenzjal kateketiku tal-patrimonju artistiku lokali, possibbilment b’koperazzjoni ekumenika.

16.       Jinkoraġġixxu lill-edukaturi f’ċentri ta’ studji teoloġiċi, seminarji u universitajiet Kattoliċi biex fit-tagħlim tagħhom juru r-rilevanza tal-kontenut tal-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika. 

17.        Ihejju pamflets u fuljetti ta’ natura apoloġetika  li jgħinu lill-insara jwieġbu l-mistoqsijiet li jqumu f’kuntest diffiċli, inklużi l-isfida tas-setet u l-problemi relatati mas-sekulariżmu. Dan isir bl-għajnuna ta’ teoloġi u awturi.

18.       Jiġu eżaminati l-katekiżmi lokali u l-għajnuniet kateketiċi varji li qed jintużaw fil-Knejjes partikulari  biex jaraw li dawn qablu b’mod sħiħ mal-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika, u jekk hemm bżonn jithejjew oħrajn ġodda.

19.       Jaraw li l-kontenut tal-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika jinsab fir-“Ratio” ta’ formazzjoni għas-saċerdoti futuri u fil-kurrikulu tal-istudji teoloġiċi tagħhom.


Rakkomandazzjonijiet fuq livell djoċesan 

 http://schoolnet.gov.mt/history/wirt/Nglizi/Arkitettura/KurjaFur.jpg

20.         Nittamaw li kull Knisja partikulari tiċċelebra l-ftuħ u l-konklużjoni solenni tas-Sena tal-Fidi.

21.       F’kull djoċesi tiġi organizzata ġurnata ta’ studju fuq il-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika, b’mod speċjali għas-saċerdoti, għall-persuni konsagrati u l-katekisti.

22.       Kull isqof jista’ jiddedika ittra pastorali li titkellem dwar il-fidi, fil-waqt li jżomm f’moħħu ċ-ċirkustanzi speċifiċi pastorali tal-fidili tad-djoċesi tiegħu u jfakkarhom fuq l-importanza tal-Konċilju Vatikan II u tal-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika.

23.       Jiġu organizzati ġrajjiet kateketiċi, l-aktar għaż-żgħażagħ u għal dawk li qed ifittxu t-tifsira tal-ħajja, biex wieħed jgħinhom jiskopru l-ġmiel tal-fidi ekkleżjali.

24.       Wieħed jara kif qed ikun milqugħ it-tagħlim tal-Konċilju Vatikan II u l-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika fil-ħajja u l-missjoni tad-djoċesi, l-aktar fil-qasam tal-katekeżi.

25.      Niffukaw l-edukazzjoni kontinwa tal-kleru fuq id-dokumenti tal-Konċilju u l-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika.

26.       Organizazzjoni ta’ ċelebrazzjonijiet penitenzjali li fihom kulħadd jista’ jitlob maħfra lil Alla, speċjalment  għad-dnubiet kontra l-fidi.  

27.       Inġeddu djalogu kreattiv bejn il-fidi u r-raġuni f’komunitajiet akkademiċi u artistiċi permezz ta’ simpożji, laqgħat u ġranet ta’ studju, speċjalment f’universitajiet Kattoliċi.

28.       Nippromwovu laqgħat ma’ dawk li ma jemmnux u qed ifittxu b’mod sinċier it-tifsira u l-verità definittiva dwar il-ħajja u dwar id-dinja; nieħdu l-eżempju tad-djalogu fil-“Bitħa tal-Ġentili” sponsorizzat mill-Kunsill Pontifiċju għall-Kultura.

29.       Nagħtu attenzjoni akbar lill-iskejjel Kattoliċi, li huma l-aħjar post  fejn wieħed jista’ joffri lill-istudenti xhieda ħajja tal-Mulej u jeduka l-fidi tagħhom billi juża għodda bħall-Kompendju tal-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika u l-“Youcat”.

 Rakkomandazzjonijiet għal parroċċi, komunitajiet, assoċjazzjonijiet u movimenti.

 

30.      Il-fidili kollha huma mistiedna jaqraw sew u jimmeditaw fuq l-ittra appostolika “Porta Fidei” tal-Papa Benedittu XVI.

31.       Insaħħu ċ-ċelebrazzjoni tal-fidi fil-liturġija, l-aktar fl-Ewkaristija,  fejn il-Knisja tipproklama, tiċċelebra u ssaħħaħ il-fidi tagħha. Il-fidili huma mistiedna jieħdu sehem  fl-Ewkaristija b’mod attiv u li jħalli l-frott  fil-waqt li jagħrfu dak li qed jagħmlu.

32.    Is-saċerdoti għandhom jagħtu attenzjoni akbar lill-istudju tad-dokumenti tal-Konċilju Vatikan II u l-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika, japplikawh fil-ħidma pastorali li jwettqu u joffru ċiklu ta’ omeliji dwar il-fidi jew ċerti aspetti tagħha.

33.       Il-katekisti jridu jżommu b’mod sħiħ mad-duttrina tal-Katekiżmu tal-Knisja u jiggwidaw lill-gruppi biex jifhmu t-tagħlim li hemm fih.

34.        Il-parroċċi jistgħu jagħtu l-għajnuna tagħhom fit-tqassim tal-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika u riżorsi oħra li jgħoddu għall-familji – il-post ewlieni għat-trażmissjoni tal-fidi.  Jistgħu jagħmlu dan, per eżempju, waqt it-tberik tad-djar, il-magħmudija tal-Adulti, il-konfermazzjoni u ż-żwieġ.

35.       Isiru missjonijiet u programmi popolari oħra fil-parroċċi u fuq il-postijiet tax-xogħol biex tingħata għajnuna ħalli wieħed jiskopri mill-ġdid id-don tal-fidi  li rċieva fil-magħmudija  u ħtieġa li jagħti xhieda tal-fidi li jħaddan.

36.       Membri tal-Istituti tal-Ħajja Konsagrata u Soċjetajiet tal-Ħajja Appostolika huma mitluba jaħdmu għall-evanġelizzazzjoni ġdida, kull wieħed skont il-kariżma tiegħu.

37.       Komunitajiet kontemplattivi għandhom jitolbu speċifikament għat-tiġdid tal-fidi fil-poplu t’Alla u biex ikun hemm ħeġġa ġdida fit-trażmissjoni tagħha liż-żgħażagħ.

38.      Assoċjazzjonijiet u Movimenti Ekkleżjali huma mistiedna biex jippromwovu inizjattivi speċifiċi bis-sehem tal-kariżmi tagħhom.

39.       Il-fidili kollha għandhom jippruvaw jikkomunikaw l-esperjenzi tagħhom ta’ fidi u ta’ mħabba lil ħuthom ta’ reliġjonijiet oħra,  jemmnu jew ma jemmnux.  Nittamaw li b’hekk il-poplu Nisrani kollu jibda missjoni ma’ dawk li jgħix u jaħdem magħhom.

In-Nota tispiċċa billi tgħid hekk: “L-għan tar-rakkomandazzjonijiet li qed nipprovdu hu li nistiednu l-membri kollha tal-Knisja biex jaħdmu ħalli din is-Sena ta’ Fidi tista’ tkun żmien speċjali li fih, bħala nsara, nistgħu naqsmu dak li hu l-aktar għażiż għalina: Kristu Ġesù, ir-Redentur tad-dinja”.