Summorum Pontificum

Ittra Appostolika tal-Papa Benedittu XVI  

Summorum Pontificum mogħtija motu proprio


Sa żminijietna dejjem kienet il-premura tal-Papiet li jiżguraw illi l-Knisja ta’ Kristu toffri qima xierqa lill-Maesta` t’Alla, “għall-ġieħ u l-glorja ta’ Ismu” u, “għall-ħtiġijiet tal-Knisja Mqaddsa kollha tiegħu”.

Sa mill-ibgħad żminijiet, kif ukoll għall-ġejjieni, dejjem ġie osservat il-prinċipju li, “permezz tiegħu kull knisja partikulari jeħtiġilha timxi mal-Knisja Universali, mhux biss f’dak li hu tagħlim tal-fidi u sinjali sagramentali, iżda wkoll fir-rigward ta’ drawwiet universalment aċċettati minn tradizzjoni Appostolika kontinwa, li għandhom jitħarsu mhux biss biex jiġu evitati żbalji iżda wkoll biex tiġi trasmessa l-integrita` tal-fidi, għaliex ir-regola tal-Knisja dwar it-talb (lex orandi) timxi id f’id mar-regola tagħha dwar il-fidi (lex credendi)”1.

Fost il-Papiet li wrew din il-kura meħtieġa jispikka b’mod partikolari isem San Girgor il-Kbir, li ħa ħsieb jassigura li l-ġnus ġodda ta’ l-Ewropa jirċievu kemm il-fidi Kattolika kif ukoll ir-rikkezzi tal-qima u tal-kultura li kienu nġabru flimkien mir-Rumani tul is-sekli ta’ qabel. Huwa ordna illi l-forma tal-Liturġija Mqaddsa, kemm tal-Quddiesa kif ukoll ta’ l-Ufiċċju Divin, kif kienet ċelebrata f’Ruma, kellha tkun stipulata u mħarsa.
B’mod speċjali inkoraġixxa l-monaċi u s-sorijiet biex, taħt ir-Regola ta’ San Benedittu, flimkien max-xandir ta’ l-Evanġelju, huma jagħtu xhieda b’għemilhom tal-kliem għaref ta’ l-istess Regola, “li xejn m’għandu jitqiegħed qabel it-talb (operi Dei)” (Kap. 43). B’dan il-mod il-Liturġija Mqaddsa skond l-użu Ruman tat il-ħajja mhux biss lit-twemmin u l-atti qaddisa iżda wkoll lill-kulturi ta’ bosta ġnus. Huwa fatt magħruf illi l-liturġija Latina tal-Knisja, fid-diversi forom tagħha, matul is-sekli kollha tal-ħajja nisranija, qanqlet bosta qaddisin fil-ħajja spiritwali, seddqet bosta popli fil-qawwa tal-fidi u tat il-ħajja lill-għemejjel tagħhom ta’ tjieba.

Biex il-Liturġija Mqaddsa twettaq dan id-dmir b’mod aktar effikaċi, bosta Papiet oħra matul is-sekli urew premura speċjali; fosthom jispikka San Piju V li, mqanqal minn ħeġġa kbira pastorali, u mħeġġeġ mill-Konċilju Tridentin, ġedded il-Liturġija kollha tal-Knisja, ħa ħsieb il-pubblikazzjoni tal-kotba liturġiċi “emendati skond in-normi tal-padres”, u għaddihom għall-użu tal-Knisja Latina.

Fost il-kotba liturġiċi tar-rit Ruman jispikka il-Missal Ruman li żviluppa fil-belt ta’ Ruma u li fis-sekli ta’ wara, bil-mod il-mod, wasal għal forom li kellhom xebħ kbir ma’ dik li kienet fis-seħħ fost il-ġenerazzjonijiet aktar riċenti.

“Kien lejn dan l-istess għan illi, fiż-żmien ta’ wara, il-Papiet stinkaw biex jassiguraw li r-riti u l-kotba liturġiċi jiġu aġġornati skond iż-żminijiet. Sa mill-bidu ta’ dan is-seklu huma daħlu wkoll għal riforma aktar wiesgħa”2.

Hekk tabilħaqq għamlu l-predeċessuri tagħna Klement VIII, Urbanu VIII, San Piju X 3, Benedittu XV, Piju XII, u l-Beatu Ġwanni XXIII.

Fiż-żminijiet aktar riċenti, il-Konċilju Vatikan II wera x-xewqa li l-osservanza u l-qima li jmorru mal-kult divin għandhom jiġġeddu mill-ġdid u jiġu adattati għall-ħtiġijiet ta’ żmienna. Imqanqal minn din ix-xewqa il-predeċessur tagħna Papa Pawlu VI fl-1970 kien approva għall-Knisja Latina il-kotba liturġiċi riformati u parzjalment innovati; li maqlubin kullimkien fil-bosta ilsna tad-dinja, kienu ntlaqgħu bil-ferħ mill-isqfijiet u s-saċerdoti. Ġwanni Pawlu II kien approva it-tielet edizzjoni uffiċjali tal-Missal Ruman. B’dan il-mod il-Papiet ħadmu biex, “din il-binja liturġika...terġa tispikka fid-dekor u fis-sbuħija” 4.

Iżda f’xi nħawi, minħabba fir-rabta kbira kulturali u spiritwali, numru mhux żgħir ta’ fidili baqgħu, u għadhom, marbuta b’imħabba u ġibda hekk qawwija lejn il-forom liturġiċi ta’ qabel, illi Papa Ġwanni Pawlu II, imqanqal mill-kura pastorali lejn dawn il-fidili, fl-1984, permezz ta’ indult speċjali Quattuor Abhinc Annis, promulgat mill-Kongregazzjoni għall-Kult Divin, kien ta l-permess għall-użu tal-Missal Ruman kif ippubblikat fis-sena 1962 minn Ġwanni XXIII. Imbagħad fl-1988, għal darba oħra, Ġwanni Pawlu II, permezz ta’ l-Ittra Appostolika Ecclesia Dei mogħtija motu proprio kien ħeġġeġ lill-isqfijiet biex japplikaw dik l-istess fakulta` b’mod wiesgħa u ġeneruż favur il-fidili kollha li jitolbuha.

In vista tat-talbiet insistenti ta’ dawn il-fidili li dwarhom kien tant iddelibera l-Predeċessur Tagħna Ġwanni Pawlu II; wara li ħadna l-parir tal-Kardinali fil-Konċistorju li sar nhar it-23 ta’ Marzu 2006; wara riflessjoni profonda dwar kollox; u fil-waqt li ġie msejjaħ l-Ispiritu s-Santu, u fiduċjużi fil-għajnuna ta’ Alla, AĦNA NORDNAW kif ġej:

Art. 1. 
Il-Missal Ruman promulgat minn Pawlu VI huwa l-espressjoni ordinarja tar-regola tat-talb (lex orandi) tar-rit Latin tal-Knisja Kattolika. Madankollu il-Missal Ruman promulgat minn San Piju V u rivedut mill-Beatu Ġwanni XXIII għandu jitqies bħala espressjoni straordinarja ta’ dik l-istess regola ta’ talb (lex orandi) tal-Knisja u għandu jgawdi ġieħ xieraq minħabba l-użu venerabbli u antik tiegħu. Tabilħaqq dawn iż-żewġ espressjonijiet tar-regola tat-talb (lex orandi) tal-Knisja, bl-ebda mod ma jwasslu għal firda fir-regola tal-fidi (lex credendi) tagħha; iżda huma żewġ prattiċi ta’ rit Ruman wieħed.

Għaldaqstant huwa permess illi jkun ċelebrat, bħala forma straordinarja tal-Liturġija tal-Knisja, is-Sagrifiċċju tal-Quddiesa skond l-edizzjoni uffiċjali tal-Missal Ruman kif ippubblikat mill-Beatu Ġwanni XXIII fl-1962, u li qatt ma ġie abrogat. Il-kundizzjonijiet għall-użu ta’ dan il-Missal, kif stipulati fid-dokumenti preċedenti “Quattuor Abhinc Annis” u “Ecclesia Dei”, għandhom jinbidlu kif ġej:

Art. 2. 
Fil-Quddies ċelebrat mingħajr poplu, kull saċerdot Kattoliku tar-rit Latin, kemm sekulari kemm reliġjuż, jista’ jagħmel użu jew mill-Missal Ruman kif ippubblikat mill-Beatu Ġwanni XXIII fis-sena 1962, jew mill-Missal Ruman promulgat minn Papa Pawlu VI fis-sena 1970, u dan f’kull ġurnata, għajr fit-Tridu Mqaddes [ta’ l-Għid]. Għal din iċ-ċelebrazzjoni skond Missal jew ieħor, is-saċerdot m’għandux ħtieġa ta’ permess, la tas-Sede Appostolika u inqas ta’ l-Ordinarju tiegħu.

Art. 3. 
L-istituti ta’ ħajja kkonsagrata jew għaqdiet ta’ ħajja appostolika, kemm jekk jaqgħu taħt il-Papa kemm jekk taħt l-Isqof, u li fiċ-ċelebrazzjoni konventwali jew ‘komunali’ fl-oratorji tagħhom jixtiequ jiċċelebraw il-Quddiesa Mqaddsa skond l-edizzjoni tal-Missal Ruman promulgat fl-1962, dan huwa għalihom permess. Jekk xi komunita` partikolari jew Istitut jew Soċjeta` sħiħa tkun tixtieq tagħmel dawn iċ-ċelebrazzjonijiet b’mod spiss (saepe), ġeneralment (plerumque) jew b’mod permanenti (permanenter), il-każ għandu jkun deċiż mis-Superjuri maġġuri, skond il-liġi, u skond il-liġijiet u l-istatuti partikulari.

Art. 4. 
Għaċ-ċelebrazzjonijiet tal-Quddiesa Mqaddsa li dwarhom jitkellem l-Art. 2 jistgħu jattendu wkoll dawk il-fidili li minn rajhom hekk ikunu talbu, basta jitħares dak li titlob il-liġi (servatis de iure servandis).

Art. 5 
(1) F’parroċċi fejn hemm ġemgħa stabbli ta’ fidili (coetus continenter existit) marbuta mat-tradizzjoni liturġika l-antika, il-kappillan għandu jilqa’ bil-ferħ (libenter suscipiat) it-talb tagħhom li jiċċelebraw il-Quddiesa Mqaddsa skond ir-rit tal-Missal Ruman kif ippubblikat fl-1962. Hu għandu jqis illi l-kura ta’ dawn il-fidili tkun taqbel f’armonija mal-kura pastorali ordinarja tal-parroċċa, taħt it-tmexxija ta’ l-Isqof, skond in-norma tal-Kan. 392, b’mod li jkun evitat nuqqas ta’ ftehim u msaħħa l-għaqda tal-Knisja kollha.

(2) Ċelebrazzjoni skond il-Missal ta’ Beatu Ġwanni XXIII tista’ ssir fil-jiem ta’ ferja; fil-Ħdud u fil-festi ċelebrazzjoni ta’ din il-għamla tista’ ssir biss darba.

(3) Kappillan għandu jagħti permess għal ċelebrazzjonijiet ta’ din l-għamla straordinarja, lil dawk il-fidili jew saċerdoti li jitolbuhom anke f’ċirkustanzi speċjali relatati (adiunctis), bħalma huma żwiġijiet, funerali jew ċelebrazzjonijiet okkażjonali, bħal per eżempju pellegrinaġġi.

(4) Is-saċerdoti li jużaw il-Missal tal-Beatu Ġwanni XXIII jeħtieġ li jkunu idoneji u mhux impediti mil-liġi.

(5) Fi knejjes li la huma parrokkjali u anqas konventwali, huwa r-rettur tal-knisja li jagħti l-permess fuq imsemmi.

Art. 6. 
Fil-Quddies ċelebrat mal-poplu skond il-Missal tal-Beatu Ġwanni XXIII, il-Lezzjonijiet jistgħu jixxandru bl-ilsien tal-post, bl-użu ta’ l-edizzjonijiet approvati mis-Sede Appostolika.

Art. 7. 
Fejn xi ġemgħa ta’ fidili lajċi, kif imsemmija fl-Art. 5 (1), ma tintlaqax it-talba tagħha mill-kappillan, din għandha tgħarraf b’dan lill-Isqof djoċesan. L-Isqof huwa mitlub bi premura (enixe) biex jagħti widen għax-xewqa tagħhom. Jekk huwa ma jistax jipprovdi għal din iċ-ċelebrazzjoni, il-każ għandu jiġi riferut lill-Kummissjoni Pontifiċja ‘Ecclesia Dei’.

Art. 8. 
Isqof li jkun jixtieq jissodisfa talbiet simili ta’ fidili lajċi, imma huwa mxekkel minħabba raġunijiet varji, jista’ jerħi l-każ lill-Kummissjoni Pontifiċja ‘Ecclesia Dei’, li tagħtih parir u għajnuna.

Art. 9. 
(1) Kappillan, wara li jkun għarbel kollox sewwa, jista' ukoll jagħti permess biex jintuża r-ritwal l-antik fl-amministrazzjoni tas-Sagramenti tal-Magħmudija, Żwieġ, Qrar, u Griżma tal-Morda, jekk il-ġid ta’ l-erwieħ hekk jitlob.

(2) Qiegħed ukoll jingħata permess lill-Ordinarji, li jiċċelebraw is-Sagrament tal-Griżma ta’ l-Isqof skond il-Pontifikal Ruman il-qadim, jekk il-ġid ta’ l-erwieħ hekk jitlob.

(3) Huwa leġittimu għal kjeriċi ordnati (in sacris constitutis) li jużaw ukoll il-Brevjar Ruman promulgat minn Beatu Ġwanni XXIII fis-sena 1962.

Art. 10. 
Huwa leġittimu għall-Ordinarju tal-post, jekk jidhirlu li hu opportun, li jistabbilixxi parroċċa personali skond in-normi tal-Kan. 518 għal ċelebrazzjonijiet skond il-forma tar-rit Ruman il-qadim, jew jinnomina rettur jew kappillan, basta jitħares dak li titlob il-liġi (servatis de iure servandis).

Art. 11. 
Il-Kummissjoni Pontifiċja “Ecclesia Dei” imwaqqfa minn Ġwanni Pawlu II fl-1988 5 għandha tkompli twettaq dmirha. Liema Kummissjoni għandu jkollha l-forma, id-doveri, u n-normi li l-Papa jkun jixtieq jassenjalha.

Art. 12. 
Minbarra l-poteri li tgawdi bħalissa l-istess Kummissjoni din tibda teżerċita l-awtorita` tas-Santa Sede billi tgħasses fuq l-osservanza u t-twettiq ta’ dawn id-dispożizzjonijiet.

Aħna nordnaw illi dak kollu li ġie stabbilit Minna permezz ta’ dawn l-Ittri Appostoliċi mogħtija motu proprio għandu jitqies bħala stabbilit u validat, u li jkun osservat minn nhar l-14 ta’ Settembru ta’ din is–sena, Festa ta’ l-Eżaltazzjoni tas-Salib Imqaddes, hemm x’hemm kuntrarju.

Mogħti f’Ruma, minn San Pietru, nhar is-7 ta’ Lulju fis-sena tal-Mulej 2007, it-tielet tal-Pontifikat Tagħna.


 



Papa Benedittu XVI

1 Institutio generalis Missalis Romani, Editio tertia, 2002, 397.

2 Ioannes Paulus Pp. II, Litt. ap. Vicesimus quintus annus (4 Decembris 1988), 3:AAS 81 (1989), 899.

3 Ibid.

4 S. Pius Pp. X, Litt. Ap. Motu proprio datae Abhinc duos annos (23 Octobris 1913): AAS 5 (1913), 449-450; cfr Ioannes Paulus II, Litt. ap. Vicesimus quintus annus (4 Decembris 1988), 3: AAS 81 (1989),899.

5 Cf. Ioannes Paulus Pp. II, Litt. ap. Motu proprio datae Ecclesia Dei (2 iulii 1988), 6: AAS 80 (1988), 1498.

No comments:

Post a Comment