Showing posts with label Quddies Tridentin. Show all posts
Showing posts with label Quddies Tridentin. Show all posts

Friday, August 15, 2014

Il-pass li jmiss ...

https://fbexternal-a.akamaihd.net/safe_image.php?d=AQCx85Yu-xFmSjUI&url=http%3A%2F%2Fb.vimeocdn.com%2Fts%2F406%2F663%2F406663034_1280.jpg&jq=100
Ir-Rit Tridentin għandu futur f'Malta - iż-żerriegħa nibtet...
Għaddew ħafna xhur minn mindu Pro Tridentina (Malta) waqfet taħdem b'mod regolari. F'din il-fażi tranżitorja kien hemm min qata' qalbu u dabbar rasu 'l hemm. Hawn min huwa komdu kif inhu u ma jridx idardar l-għajn li jixrob minnha - hawn qed nirreferi għal min kuntent bil-pożizzjoni li għandu fil-Knisja (kemm lajċi kif ukoll saċerdoti). U hawn min ġenwinament jibża' minn xi riperkussjonijiet mill-awtoritajiet ekkleżjastiċi jekk imqar isemmi 'l-misħuta' Quddiesa bil-Latin. Aħjar tidgħi xi tnejn milli isemmiha ma' xi saċerdoti u isqfijiet.

Min qed jaħseb li mhawnx ċans li f'Malta jkun hawn Quddies bir-Rit Tridentin b'mod regolari iżda qed jgħarralu. Fil-kwiet il-ħidma baqgħet għaddejja u meta jkun il-waqt joħroġ il-frott. Iż-żerriegħa ssaqqiet sew.

Il-proċess ta' liberalizzazzjoni mibdi mill-Kardinal Ratzinger lura fl-1982, kien assolutament wieħed pastorali u prattiku. Minn hemm sar it-tqegħid għall-Quddiesa illum magħrufa bħala 'straordinarja' permezz ta' 'evoluzzjoni omoġenja'. U min jaf lil Ratzinger sew, kemm dawk li ħadmu miegħu fil-viċin (eż. l-Isqof Charles Scicluna) kif ukoll dawk li tagħhom qara r-rapporti dwar is-sitwazzjoni liturġika f'Malta, jafu kif jaħsibha. U jafu għalfejn kellu jsir xi tibdil fis-seminarju ta' Malta. Iżda mmorru lura għal meta kollox deher mitmum għall-Quddiesa Tridentina...

Iċ-ċirkulari Quattuor abhinc annos tat-3 t'Ottubru 1984: Il-Quddiesa tradizzjonali tista' tkun awtorizzata mill-Isqfijiet, iżda taħt ċerti regoli u mhux fil-knejjes parrokkjali;

Il-motu proprio Ecclesia Dei Adflicta tat-2 ta' Lulju, 1988: l-Isqfijiet huma mitluba li jagħtu permess biex iċ-ċelebrazzjoni tagħha (fit-teorija) tkun aktar wiesgħa u jkunu ġenerużi għat-talbiet fid-djoċesijiet rispettivi tagħhom;

L-erezzjoni tal-Fraternita' ta' San Jean-Marie Vianney f'Campos, il-Brażil f'Jannar 2002: għax il-Knisja rrikonoxxiet li l-Quddiesa Tridentina "tista' tkun l-uniku sors tal-ħajja Ewkaristika ta' komunità sħiħa";

Il-motu proprio Summorum Pontificum tas-7 ta' Lulju 2007: Id-deċiżjoni biex jiċċelebraw hija issa (fit-teorija) tal-kappillani għall-parroċċi tagħhom. Ġie ċċarat li l-Quddiesa Tridentina qatt ma ġiet abolita u ċelebrazzjoni tagħha hija dritt għas-saċerdoti kollha tal-rit Ruman mingħajr restrizzjonijiet.

Fi kliem il-Kardinal Cañizares Llovera - li miegħu l-Isqof Scicluna wkoll ħadem mill-qrib - l-iskop aħħari huwa li l-Quddiesa Straordinarja tiġi ċċelebrata fil-knejjes kollha.

Pro Tridentina (Malta) se tibqa' sswgwi u tfiehem kemm lil-lajċi u lill-awtoritajiet ekkleżjastiċi dwar l-importanza li l-Quddiesa Tridentina ssir parti ntegrali mill-ħajja liturġika f'Malta. Ejja ma jasalx dak iż-żmien fejn il-Knisja tistenbaħ meta jkun tard wisq u tiffaċċja xiżma minn xi Kattoliċi tradizzjonalisti li xebgħu minn din is-sitwazzjoni. Opportunitajiet għal liturġija reverenti jeżistu fi Knejjes oħra.  
 

Monday, February 24, 2014

Saċerdot Malti li ħadem favur il-Liturġija bil-Latin

Il-Liturgija fil-Hajja tal-Parrocca - Fuljett il-Marsa Gunju 1973
Artiklu dwar Patri Donat Spiteri fejn tispikka l-ħidma tiegħu favur il-Liturġija bil-Latin.

Saċerdot Malti li ħadem ħafna favur il-Liturġija - inkluża dik bil-Latin - kien il-mibki Kapuċċin Patri Donat Spiteri. Fl-artiklu ppubblikat madwar 40 sena ilu, Patri Spiteri juri kif permezz tal-Missa dialogata għallem il-lajċi tal-Marsa, b'dawn tal-aħħar jieħdu sehem attiv fil-Quddiesa Tridentina. 

Dan seħħ fiż-żmien li Patri Donat kien kappillan tal-parroċċa tat-Trinita' Qaddisa, il-Marsa (bejn l-1958 u l-1967). L-aktar iżda li dan is-saċerdot jibqa' magħruf huwa fil-qasam Bibbliku. Fost l-oħrajn:
  • bejn l-1966 u l-1988 kien għalliem u Professur ta’ l-istudji Bibbliċi fil-Fakulta' tat-Teoloġija fl-Universita’ ta’ Malta; 
  • mal-Prof. Karm Sant u oħrajn waqqaf l-Għaqda Bibblika Maltija li tagħha kien President. L-aqwa opra ta’ din  l-Għaqda kienet il-pubblikazzjoni tal-Bibbja bil-Malti;
  • kellu sehem kbir fit-twaqqif tad-Dar il-Bibbja fil-Furjana bħala Ċentru Bibbliku;
  • kien ukoll awtur ta’ għadd ta’ kotba b’temi teoloġiċi tal-Bibbja fosthom il-Ktieb tas-Salmi, Dizzjunarju Bibbliku – Temi Teoloġiċi, l-Evanġelji ta’ San Mattew u San Luqa, u l-Ktieb tal-Atti tal-Appostli; 
  • dar il-parroċċi kollha ta’ Malta u Għawdex jagħmel korsijiet Bibbliċi;
  • ħareġ Kliem il-Ħajja, ktejjeb ta’għajnuna għall-qari tal-Bibbja u paġna ċkejkna kuljum b’silta mit-test tal-Kotba Mqaddsa.

Monday, February 18, 2013

Fr Colin Apap dwar il-Quddiesa Tridentina



F'artiklu illum Ir-riżenja tal-Papa mil-lenti ta' Fr Colin  fuq L-Orizzont, Fr Colin Apap tkellem dwar il-Quddiesa Tridentina. Huwa qal hekk:

Fr Colin Apap
"Problema oħra li kellu Benedittu XVI kien meta fl-2007 reġa’ ta importanza lill-quddisa bil-Latin. Niftakar li meta kont żgħir, il-qassis kien iqaddes daru lejn in-nies, jitkellem bil-Latin u ħadd ma kien jifhmu. Kellu ċertu faxxinu dak ix-xenarju reliġjuż. Bil-Konċilju Vatikan II dan tbiddel totalment. Is-sagrifiċċju tal-quddiesa beda jiġi meqjus bħala ikla u allura la għandek ċelebrazzjoni bdiet issir bil-lingwa tal-post.

Kien hemm diversi isqfijiet li ħaduha kontra dawn ir-ri­formi imma l-Konċilju Vatikan II baqa’ jinsisti li l-quddiesa ssir bil-lingwa tal-post. U dan il-Papa reġa’ daħ­ħal ir-rit bil-Latin f’diversi okkażjonijiet. Jien għandi BA fil-Latin u allura l-Latin għandu ċertu faxxinu għalija.

Nifhem l-valur tal-Latin matul is-sekli għax kien utli għall-Knisja li jkollok lingwa waħda mitkellma minn kulħadd. Imma l-lingwa Latina hija marbuta wkoll ma’ ċertu konservattiviżmu li ma jiċċaqlaqx u li ma jridx l-af­farijiet jitbiddlu. U allura min iħobb il-Latin faċli jiġi akkużat li huwa konservattiv. Li ġralu meta qajjem ir-rit tal-quddiesa bil-Latin kien li fil-quddiesa ta’ Ħamis ix-Xirka hemm it-talba għal ħafna intenzjonijiet u fosthom hemm waħda li ssemmi lill-Lhud.

Fil-verżjoni Latina jingħad “nitolbuk Mulej għall-pervi­di Lhud”. Essenzalment li qatlu lil Kristu. F’ċertu mentali­tà Kattolika, għalkemm mhux Evanġelika, kienu jqisu lill-poplu kollu Lhudi ħati ta’ dejċidju. Jiġifieri li qatel lil Alla.

Imma l-Knisja kontra dan it-tagħlim għax waqt li tammetti li parti mil-Lhud qalu “demmu fuqna u fuq ulie­da”, ma tistax tiġġeneralizza poplu sħiħ għax inqatlet persu­na waħda. Tinsix ma kinux jaċċettawh bħala Alla. Allura l-Knisja Kattolika reġgħet ingħatat timbru li hi anti-Semi­tika u anti-Lhud proprju minħabba l-quddies bil-Latin."

Pro Tridentina (Malta) tixtieq tiċċara żewġ punti :

a) Hawn Malta, il-Quddiesa Tridentina sabet appoġġ minn xi żgħażagħ li politikament mhumiex konservattivi. Wieħed ta' min ifakkar ukoll f'episodju interessanti: Deputat Laburista, xi snin ilu fuq TVM, kien qal li kiteb lill-Vatikan sabiex il-Quddiesa bir-Rit Tridentin tiġi ċċelebrata, tal-anqas dakinhar tal-festa tal-parroċċa tiegħu. Hija xi ħaġa pożittiva - tal-anqas f'Malta - li l-Quddiesa Tridentina m'għandhiex timbru politiku.

b) Tajjeb wieħed igħid ukoll illi Fr Colin Apap mhux korrett għal kollox f'dak li għandu x'jaqsam mat-talba lill-Lhud. Infatti:

1. Sa qabel l-1955 (riforma ta' Piju XII), it-talba kienet:

Oremus et pro perfidis Judæis: ut Deus et Dominus noster auferat velamen de cordibus eorum; ut et ipsi agnoscant Jesum Christum, Dominum nostrum. (Non respondetur 'Amen', nec dicitur 'Oremus', aut 'Flectamus genua', aut 'Levate', sed statim dicitur:) Omnipotens sempiterne Deus, qui etiam judaicam perfidiam a tua misericordia non repellis: exaudi preces nostras, quas pro illius populi obcæcatione deferimus; ut, agnita veritatis tuæ luce, quæ Christus est, a suis tenebris eruantur. Per eundem Dominum nostrum Jesum Christum Filium tuum, qui tecum vivit et regnat in unitate Spiritus Sancti, Deus: per omnia sæcula sæculorum. Amen

2. Id-differenza wara r-riforma ta' Piju XII kienet li n-nies kienu jinżlu għarkubbtejhom:

Oremus et pro perfidis Iudæis: ut Deus et Dominus noster auferat velamen de cordibus eorum; ut et ipsi agnoscant Iesum Christum, Dominum nostrum. (Oremus. Flectamus genua. Levate) Omnipotens sempiterne Deus, qui etiam iudaicam perfidiam a tua misericordia non repellis: exaudi preces nostras, quas pro illius populi obcæcatione deferimus; ut, agnita veritatis tuæ luce, quæ Christus est, a suis tenebris eruantur. Per eumdem Dominum nostrum Iesum Christum Filium tuum, qui tecum vivit et regnat in unitate Spiritus Sancti Deus: per omnia sæcula sæculorum. Amen

3. Fl-1960 il-Beatu Ġwanni XXIII neħħa l-kelma perfidis:

Oremus et pro Iudæis: ut Deus et Dominus noster auferat velamen de cordibus eorum; ut et ipsi agnoscant Iesum Christum Dominum nostrum. (Oremus. Flectamus genua. Levate) Omnipotens sempiterne Deus, qui Iudæos etiam a tua misericordia non repellis: exaudi preces nostras, quas pro illius populi obcæcatione deferimus; ut, agnita veritatis tuæ luce, quæ Christus est, a suis tenebris eruantur. Per eumdem Dominum nostrum Iesum Christum filium tuum, qui tecum vivit et regnat in unitate Spiritus Sancti Deus: per omnia sæcula sæculorum. Amen.

4. Fil-Missal Ruman tal-1970 (Novus Ordo Missae) taħt il-Pontifikat ta' Pawlu VI saret reviżjoni sħiħa tat-talba:

Oremus et pro Iudæis, ut, ad quos prius locutus est Dominus Deus noster, eis tribuat in sui nominis amore et in sui fœderis fidelitate proficere. (Oratio in silentio. Deinde sacerdos:) Omnipotens sempiterne Deus, qui promissiones tuas Abrahæ eiusque semini contulisti, Ecclesiæ tuæ preces clementer exaudi, ut populus acquisitionis prioris ad redemptionis mereatur plenitudinem pervenire. Per Christum Dominum nostrum. Amen.

5. Għalkemm fil-bidu kien hemm tħassib mill-Lhud wara l-pubblikazzjoni tal-motu proprio Summorum Pontificum, it-talba fil-Missal Ruman tal-1962 inbidlet minn Papa Benedittu XVI fl-2008 u issa taqra hekk: 

Oremus et pro Iudaeis: Ut Deus et Dominus noster illuminet corda eorum, ut agnoscant Iesum Christum salvatorem omnium hominum. (Oremus. Flectamus genua. Levate.) Omnipotens sempiterne Deus, qui vis ut omnes homines salvi fiant et ad agnitionem veritatis veniant, concede propitius, ut plenitudine gentium in Ecclesiam Tuam intrante omnis Israel salvus fiat. Per Christum Dominum nostrum. Amen.


Thursday, June 28, 2012

50 Sena mill-Missal Ruman tal-Beatu Ġwanni XXIII



Id-Digriet mis-Sagra Kongregazzjoni tar-Riti li bih twaqqaf il-Missale Romanum (Edizzjoni 1962) ġie promulgat fit-23 ta' Ġunju 1962, jiġifieri l-ġimgħa li għaddiet għalaq 50 sena. 


Il-Missal hekk magħruf ta' Ġwanni XXIII intuża matul il-Konċilju Vatikan II.

Din hija l-edizzjoni tal-Missale Romanum li tintuża mill-Kattoliċi tradizzjonalisti madwar id-dinja kollha li huma f'għaqda ma' Ruma u li l-Papa Benedittu XVI talab permezz tal-motu proprio Summorum Pontificum sabiex tkun faċilitata ċ-ċelebrazzjoni tal-Quddiesa Tridentina.

Jalla l-użu ta' dan il-Missal ikompli jinfirex f'dawn il-gżejjer. Nafu kemm l-Arċisqof Pawlu Cremona huwa devot ta' dan il-Papa u dan ikun tassew mod sabiħ ta' kif jibqa' mfakkar il-Papa Buono
 
Infatti Mons. Cremona kiseb id-Dottorat fl-1973, wara erba' snin ta' studju fl-Angelicum, l-Universita' Dumnikana f'Ruma, fejn kiteb teżi fuq il-ħsieb tal-Papa Ġwanni XXIII dwar il-kultura tal-paċi.
 
Fl-Ordinazzjoni tiegħu bħala Isqof, nhar is-26 ta' Jannar 2007, Mons. Cremona kien liebes l-alba tal-Beatu Ġwanni XXIII li rregalalu s-Segretarju tal-Papa, Mons. Loris Capovilla
 

Friday, June 22, 2012

Avviżi dwar Quddies Tridentin f'Malta

Nhar l-Erbgħa 6 ta' Novembru 2011 ġiet organizzata Quddiesa Tridentina għal ruħ il-membri mejtin tal-Għaqda Dilettanti Mudelli ta' Knejjes ġewwa l-Knisja tal-Monasteru ta' Santa Katarina V.M. fil-Belt Valletta.  Ċelebrant: il-W.R. Dun Marc Andre' Camilleri. Ħajr: Għaqda Dilettanti Mudelli ta' Knejjes.
Minn żmien għal żmien, għadd ta' persuni - fosthom barranin li jkunu se jżuru Malta - isaqsuni dwar fejn u meta tkun se tiġi ċċelebrata Quddiesa bir-Rit Tridentin. Peress li sa issa quddies b'dan ir-rit mhux qed isir b'mod regolari, ma jkunx dejjem faċli li wieħed jagħti tweġiba korretta.

Sfortunatament riċentament kien hawn saċerdot Ingliż li ma tħallix iqaddes b'dan ir-rit, f'għadd ta' knejjes hawn Malta. Dan huwa saċerdot f'komunjoni ma' Ruma.

Min ikun jaf b'xi quddies li jkun se jsir, jista' jinfurmani permezz ta' email. Min ikun irid li tiġi mħabbra quddiesa f'dan il-Blog jista' jkellem lili jew lill-membri ta' Pro Tridentina (Malta).

Wednesday, January 25, 2012

Quddiesa Tridentina bla permess

Ittra tilmenta dwar in-nuqqas ta' Quddies Tridentin f'Għawdex, ippubblikata f' "L-Orizzont" ta' llum.

A letter complaining about the lack of Tridentine Masses in Gozo published in today's L-Orizzont (a Maltese left leaning national daily).

Monday, November 28, 2011

Wara ż-żewġ Pastorali għall-Avvent...

Nistqarr li l-Pastorali ta' l-Arċisqof Pawlu Cremona għall-Avvent ma tantx ħassejtha turi imħabba ta' ragħaj lejn parti mill-merħla tiegħu. L-Arċisqof jaf tajjeb li:

  • Pro Tridentina (Malta) dejjem uriet - u se tibqa' turi - ubbidjenza lejn il-Papa u lejn l-Arċisqof.
  • għadd ta' saċerdoti użaw il-media sabiex jattakkaw lil min għandu għal qalbu dan ir-Rit, inkluż attakki fuq saċerdoti ħuthom. U li f'ċerti każi dawn ta' l-aħħar qed jiġu mwarrba u redikolati.
  • Pro Tridentina (Malta) tat stampa veritiera lis-Santa Sede dwar is-sitwazzjoni f'Malta, minkejja li kien hemm min kien se jikteb lill-Papa Benedittu XVI li f'Malta m'hawn ħadd li jrid il-Quddiesa bil-Latin.
  • Pro Tridentina (Malta) kienet - u għadha - disponibbli li tassisti lill-Knisja sabiex dan ir-Rit jingħata l-post li jixraqlu, dejjem f'konformita' max-xewqa ta' Papa Benedittu XVI kif imniżżla f'Summorum Pontificum u Universae Ecclesiae.
Huwa stramb għalhekk il-fatt li meta f'Malta hawn qawmien mill-ġdid għar-Rit Tridentin, b'għadd ta' Quddies f'postijiet differenti, għal żmien l-Avvent kelli nassisti għal lingwaġġ (ara hawn taħt) li jweġġa'. U li għawweġ il-fatti (lajċi f'Malta kienu diġa' attivi mill-1907 - jew insejnih lil San Ġorġ Preca u s-Soċjeta' tal-M.U.S.E.U.M.?). U t-tfal se nbeżżawhom bil-Latin qisna fi żmien il-Babaw?

MILL-ITTRA PASTORALI GĦALL-AVVENT – IL-KURAĠĠ LI NIĠĠEDDU

Xi drabi anke l-istess komunitajiet tal-Knisja bħal donnhom iħossuhom komdi jserrħu fuq dak li s-soltu jsir u jippreferu jkunu ripetittivi fil-messaġġ u fir-ritwal. Hemm min qed jagħlaq għajnejh għall-preżent, medhi bin-nostalġija tal-imgħoddi. F’ħafna każi għadna nitkellmu b’lingwaġġ u nużaw metodi tal-bieraħ, u dan minkejja li nafu li qed nirriskjaw bil-kbir, għax huma lingwaġġi u metodi li llum ma jinftehmux. Dan qed jissagrifika l-messaġġ tal-Vanġelu! Għaldaqstant, jekk ma noqogħdux attenti, anke fil-knisja nistgħu “nitqaddu”, il-liturġija ssir teatrin, il-knisja nirrenduha mużew tal-istorja!

Il-Konċilju Vatikan II, li l-Knisja bdiet tiċċelebra ħamsin sena ilu, kien esperjenza qawwija tal-Ispirtu li fetħet orizzonti ġodda u kbar. Dakinhar l-Ispirtu s-Santu bejjet żerriegħa ġdida li, jekk inħalluha tnibbet u tikber, kapaċi tagħti wiċċ isbaħ lill-Knisja u lis-Soċjetà! Imma ġara li “xi żerrigħat waqgħu mal-mogħdija u ntrifsu, u l-għasafar tal-ajru naqqruhom kollha. Oħrajn waqgħu fuq il-blat, u nibtu u nixfu, għax tira ma kellhomx. Oħrajn waqgħu qalb ix-xewk, u x-xewk kiber magħhom u ħanaqhom. Oħrajn waqgħu f’art tajba, u nibtu u għamlu l-frott kull waħda mija” (Lq 8:5-8). Il-Konċilju kellu jkun qawwa kbira ta’ “aġġornament” tal-Knisja. Kif darba stqarr il-Papa tal-Konċilju, Pawlu VI, “il-Knisja kollha għandha tadatta ruħha għall-ħtiġijiet ġodda tad-dinja; fid-dawl tat-tagħlim tal-Konċilju, il-Knisja kollha hija impenjata għal dan it-tiġdid spiritwali u organizzattiv”.

Napprezzaw li frott ta’ dan il-Konċilju, fil-Knisja lokali saru diversi riformi, bħal, per eżempju, l-aġġornament fil-Liturġija u l-mod kif tiġi ċċelebrata bis-sehem aktar attiv tal-poplu, is-sehem tal-lajċi fil-qasam aktar wiesa’ tal-Katekeżi u tad-Djakonija, l-attenzjoni tal-Knisja lokali għall-ħtiġijiet tas-soċjetà, kif ukoll l-attenzjoni tagħha għal dawk l-aktar imbegħdin, l-insara mifrudin u saħansitra dawk li jħaddnu reliġjonijiet oħra jew li ma jħaddnu ebda twemmin. Imma billi xi żerriegħa waqgħet fuq il-blat u qalb ix-xewk, forsi din għadha ma tatx il-frott kollu mixtieq.

MILL-ITTRA PASTORALI TAL-AVVENT GĦAT-TFAL

Ħamsin sena ilu fil-Knisja kien hemm mument sabiħ meta il-Papa ta’ dak iż-żmien sejjaħ lill-Isqfijiet kollha tad-dinja biex jiltaqgħu flimkien fil-Vatikan ħalli bħala rgħajja jaraw kif l-insara tad-dinja kollha jistgħu jgħixu aħjar fuq it-tagħlim ta’ Ġesù. Dan kien mument qawwi tal-Ispirtu s-Santu tant li t-tagħlim li ħareġ dak iż-żmien għadu jgħodd sal-lum. Pereżempju fejn qabel il-quddiesa ma kien jifhimha ħadd għax kienet bil-Latin, illum issir bil-lingwa tal-post biex hekk kulħadd ikun jista’ jieħu sehem fil-quddiesa u jifhem dak li jkun qed isir u jingħad. Dak iż-żmien kienu biss is-saċerdoti li jgħallmu u jmexxu fil-knisja. Minn dak iż-żmien il-lajċi wkoll bdew jagħtu s-sehem tagħhom fil-ħidma tal-Knisja; pereżempju illum għandna rġiel u nisa jew żgħażagħ li jgħallmuna l-katekiżmu, li jqarbnu fil-Knisja u anke jmorru jqarbnu lill-morda fid-djar.

*****************

Bħala President ta' Pro Tridentina (Malta) ma nistax ma nittamax li din il-Pastorali kienet sforz żelu żejjed għax il-Knisja se tiċċelebra għeluq il-50 sena tal-Konċilju Vatikan II. U nittama li bħalma l-Kurja diġa' fasslet serje ta' attivitajiet biex tfakkar dan l-avveniment, ma tħallix barra żewġ avvenimenti kbar oħra li l-2012 taħbat egħluq il-50 sena tagħhom:

  • Il-Missal Ruman tal-Beatu Ġwanni XXIII (jiġifieri il-Missal tar-Rit Tridentin) u
  • l-Kostituzzjoni Appostolika Veterum Sapientia dwar l-istudju tal-Latin, promulgata mill-istess Papa tal-Konċilju.
U nafu li l-Beatu Ġwanni XXIII huwa Papa għal qalb ħafna l-Arċisqof tagħna...

Friday, July 15, 2011

Avviż importanti rigward Quddies Tridentin f'Malta

Fid-dawl ta' xi kummenti li qed isiru, l-aktar fuq Facebook, nixtieq niċċara dan li ġej.

Pro Tridentina (Malta) normalment ma torganizzax Quddies bil-Forma Straordinarja. Li għamilt jien fil-passat kien li meta nkun infurmat b'Quddies li se jsir, noħloq event fuq Facebook u avviż fuq dan il-Blog sabiex nagħti pubbliċita'. Jidher li din l-inizjattiva mhux dejjem intlaqgħet tajjeb.

Għalhekk, minn issa 'l quddiem mhux se noħloq aktar events fuq Facebook jew il-Blog dment li ma jkunx quddies organizzat minn Pro Tridentina (Malta) nnifisha.

Ħassejt li kelli nieħu din id-deċiżjoni drastika sabiex nissalvagwarda lil Pro Tridentina (Malta) li fl-aħħar mill-aħħar kienet qed tipprovdi dan is-servizz sabiex jitqawwem aktar l-għarfien f'Malta dwar il-Quddiesa bil-Forma Straordinarja.


Sfortunatament, minflok il-grazzi naqalgħu kważi tgħajjir minn min suppost jaf aħjar.

Godwin Xuereb
President