Friday, August 15, 2014

Il-pass li jmiss ...

https://fbexternal-a.akamaihd.net/safe_image.php?d=AQCx85Yu-xFmSjUI&url=http%3A%2F%2Fb.vimeocdn.com%2Fts%2F406%2F663%2F406663034_1280.jpg&jq=100
Ir-Rit Tridentin għandu futur f'Malta - iż-żerriegħa nibtet...
Għaddew ħafna xhur minn mindu Pro Tridentina (Malta) waqfet taħdem b'mod regolari. F'din il-fażi tranżitorja kien hemm min qata' qalbu u dabbar rasu 'l hemm. Hawn min huwa komdu kif inhu u ma jridx idardar l-għajn li jixrob minnha - hawn qed nirreferi għal min kuntent bil-pożizzjoni li għandu fil-Knisja (kemm lajċi kif ukoll saċerdoti). U hawn min ġenwinament jibża' minn xi riperkussjonijiet mill-awtoritajiet ekkleżjastiċi jekk imqar isemmi 'l-misħuta' Quddiesa bil-Latin. Aħjar tidgħi xi tnejn milli isemmiha ma' xi saċerdoti u isqfijiet.

Min qed jaħseb li mhawnx ċans li f'Malta jkun hawn Quddies bir-Rit Tridentin b'mod regolari iżda qed jgħarralu. Fil-kwiet il-ħidma baqgħet għaddejja u meta jkun il-waqt joħroġ il-frott. Iż-żerriegħa ssaqqiet sew.

Il-proċess ta' liberalizzazzjoni mibdi mill-Kardinal Ratzinger lura fl-1982, kien assolutament wieħed pastorali u prattiku. Minn hemm sar it-tqegħid għall-Quddiesa illum magħrufa bħala 'straordinarja' permezz ta' 'evoluzzjoni omoġenja'. U min jaf lil Ratzinger sew, kemm dawk li ħadmu miegħu fil-viċin (eż. l-Isqof Charles Scicluna) kif ukoll dawk li tagħhom qara r-rapporti dwar is-sitwazzjoni liturġika f'Malta, jafu kif jaħsibha. U jafu għalfejn kellu jsir xi tibdil fis-seminarju ta' Malta. Iżda mmorru lura għal meta kollox deher mitmum għall-Quddiesa Tridentina...

Iċ-ċirkulari Quattuor abhinc annos tat-3 t'Ottubru 1984: Il-Quddiesa tradizzjonali tista' tkun awtorizzata mill-Isqfijiet, iżda taħt ċerti regoli u mhux fil-knejjes parrokkjali;

Il-motu proprio Ecclesia Dei Adflicta tat-2 ta' Lulju, 1988: l-Isqfijiet huma mitluba li jagħtu permess biex iċ-ċelebrazzjoni tagħha (fit-teorija) tkun aktar wiesgħa u jkunu ġenerużi għat-talbiet fid-djoċesijiet rispettivi tagħhom;

L-erezzjoni tal-Fraternita' ta' San Jean-Marie Vianney f'Campos, il-Brażil f'Jannar 2002: għax il-Knisja rrikonoxxiet li l-Quddiesa Tridentina "tista' tkun l-uniku sors tal-ħajja Ewkaristika ta' komunità sħiħa";

Il-motu proprio Summorum Pontificum tas-7 ta' Lulju 2007: Id-deċiżjoni biex jiċċelebraw hija issa (fit-teorija) tal-kappillani għall-parroċċi tagħhom. Ġie ċċarat li l-Quddiesa Tridentina qatt ma ġiet abolita u ċelebrazzjoni tagħha hija dritt għas-saċerdoti kollha tal-rit Ruman mingħajr restrizzjonijiet.

Fi kliem il-Kardinal Cañizares Llovera - li miegħu l-Isqof Scicluna wkoll ħadem mill-qrib - l-iskop aħħari huwa li l-Quddiesa Straordinarja tiġi ċċelebrata fil-knejjes kollha.

Pro Tridentina (Malta) se tibqa' sswgwi u tfiehem kemm lil-lajċi u lill-awtoritajiet ekkleżjastiċi dwar l-importanza li l-Quddiesa Tridentina ssir parti ntegrali mill-ħajja liturġika f'Malta. Ejja ma jasalx dak iż-żmien fejn il-Knisja tistenbaħ meta jkun tard wisq u tiffaċċja xiżma minn xi Kattoliċi tradizzjonalisti li xebgħu minn din is-sitwazzjoni. Opportunitajiet għal liturġija reverenti jeżistu fi Knejjes oħra.