Sunday, August 29, 2010

Viva t-“Tridentiżmu”!


Fr. Mark Montebello O.P.

It-Torċa tal-Ħadd, 2 ta’ Settembru 2007



Id-digriet tal-Papa Benedittu XVI li reġa’ qala’ minn taħt it-trab il-quddiesa Tridentina aktarx ħoloq ferment sħiħ fit-“Tridentisti” Kattoliċi! F’daqqa waħda, jidher li splodiet il-kaċċa għal kull ħaġa qadima u skaduta li kienet marbuta mal-quddiesa Tridentina u beda kummerċ sħiħ ta’ kull xorta ta’ ċekċik ma’ l-antikalji tal-Knisja Kattolika! F’diversi pajjiżi, inkluż Franza, l-Italja, l-Ingilterra u Spanja, bdew isiru korsijiet ta’ malajr għas-saċerdoti li jridu jitgħallmu l-Latin u d-dettalji ritwalistiċi kollha tal-quddiesa Tridentina!

Merħba lir-Rinaxximent tat-Tridentiżmu!

Ferneżija tridentina

Jekk wieħed jidħol fis-sit www.tridentinum.com jieħu idea tajba ta’ dan il-ġenn għall-affarijiet il-qodma li kienu jikkaratterizzaw il-liturġija Kattolika sa erbgħin sena ilu. Xi wħud minna ħasbu li dawn l-antikalji kienu ntrefgħu fil-kexxun għal dejjem ta’ dejjem. Imma marru mqarrqa. Siti bħal dan li semmejt qed iħabbru rinaxximent sħiħ għall-antikalji li kienu spiċċaw u reġgħu ġew irxoxtati ... u anki prezzijiet imġedda skond l-ispirtu taz-zmien!

Websajt oħra, din id-darba f’Oxford, l-Ingilterra, qiegħda toffri helpline, DVDs u saħansitra kors ta’ tħejjija għal dawk is-saċerdoti li jridu jitgħallmu r-rit il-qadim tal-quddiesa. Toffri wkoll lil dawk li huma interessati li jirrepetu r-riti tal-quddiesa Tridentina, instruzzjonijiet ta’ meta għandek tagħmel reverenza u meta le; kemm pulzieri għandek tnizzel rasek meta tinkina u kemm iddewwimha inklinata, meta tgħaqqad idejk u kif; u elf miljun ritwal ċkejkuni ieħor. Jgħallmuk ukoll x’għandek tilbes u ma tilbisx għall-quddiesa, minfejn tixtri l-antikalji kollha u anki ta’ liema drapp u tessut huwa permess li dawn ikunu. Bil-helpline tista’ ċċempel u tistaqsi li trid dwar it-tridentiżmu kollu.

Ix-xahar li ghadda, il-Latin Mass Society ta’ l-Ingilterra u Wales offrew tliet ijiem kraxx-kors f’Merton College ta’ Oxford University. Is-Soċjetà San Piju X fi Franza ħarġu DVD fi tmien ilsna dwar kif saċerdot jista’ jqaddes bir-rit il-qadim Tridentin. Id-DVD għandu kummentarju għaddej li fih jgħidlek liema hi l-pożizzjoni eżatta (biċ-ċentimetri, jekk jogħġbok!) li saċerdot għandu jieħu f’dan il-mument u l-ieħor, kif għandhom ikunu preċiżament ħwejġu, fejn għandhom ikunu bl-eżatt il-gandlieri u l-kalċi u elf tentufa oħra bħal dawn. Meta ċ-ċelebrant jagħmel xi ħaġa li mhux suppost, tidher “LE” kbira fuq l-iskrin!

Fl-Italja, ġie ppubblikat dak li qed jissejjaħ il-“Gwida Trimelloni”. Dan hu kompendju ta’ 850 paġna li jgħidlek u jispjegalek bl-eżatt u l-preċiż ir-regoli liturġiċi kollha tar-rit Tridentin, li ma tmurx tieħu xi żball xi mkien. Għal min irid, l-Ingilterra anki ppubblikaw malajr ktieb “teach yourself” ħalli s-saċerdoti Tridentisti jitgħallmu malajr bl-amment il-Latin tal-quddiesa Tridentina.

Idea tajba?

Quddiem dan kollu, wieħed ma jistax ma jistaqsix jekk din tal-quddies Tridentina kinetx, wara kollox, idea xierqa. Wieħed m’għandux jiddubita mill-intenzjonijiet tajba tal-papa, imma naħseb li ma kienx diffiċli ħafna li wieħed jobsor x’kien se jiġri ma’ xi wħud bl-introduzzjoni mill-ġdid tar-rit Tridentin b’mod universali. Għal żewġ ġrieden, biżibilju qtates qed jitħallew jagħmlu xalata! U x-xalata tagħhom tista’ tiswa lill-Knisja qares ħafna.

Li jissaħħaħ is-sens tas-sagru fil-ħajja liturġika tal-Knisja ċertament mhijiex idea ħażina. Anzi, hi idea sublimi, mixtieqa u meħtieġa. Imma forsi l-Indult Universali tal-quddiesa Tridentina ma kienx l-aħjar mod kif seta’ jintlaħaq dan l-iskop. Milli jidher, aktar se jservi sabiex isaħħaħ ir-ritwaliżmu milli s-sagralità; aktar se jiftaħ il-bibien għall-artifiċjalità u s-superfiċjalità u jagħlaqhom għall-ġenwini, milli jġedded il-ħajja tat-talb.

X’għandna nistennew minn dan kollu? Jaqaw mhux aktar ċerimonjaliżmu u liturġiżmu? Jaqaw mhux tijonf akbar ta’ min iħobb jilgħab bl-altari, jixxaħxaħ fis-sagramentaliżmu u jħalli n-nagħġa l-mitlufa tmur għal riħha? Jaqaw mhux it-tisħiħ ta’ ċentraliżmu paternalistiku u puwerili? Jaqaw mhux aktar distorzjoni ta’ l-immaġini tal-Kattoliċiżmu u dak li l-Kattoliċiżmu jirrappreżenta?

Siegħa mudlama

Meta wieħed jaħseb kemm ġid twettaq bil-liturġija mġedda mill-Konċilju Vatikan II, wiehed jistagħġeb kif xi wħud jistgħu jikkunsidraw li jreġġgħu l-arloġġ lura. Li s-saċerdot ġie meħlus minn ritwaliżmu ristrettiv u kważi pervers mhuwiex forsi benefiċċju kbir? U li l-fidili ġew ħafna u ħafna eqreb tal-Kelma ta’ Alla u tat-talb tal-Knisja waqt il-quddies kollu mhuwiex benefiċċju li ma jixraqx li jintilef?

Minkejja dan, huwa proprju dan li xi wħud iridu jerġgħu jtellfu lill-Knisja. Huma dawn il-benefiċċji li jridu jikkanċellaw billi jreġġgħu l-arloġġ għal qabel il-Konċilju Vatikan II. Aktarx iridu jaraw li l-Knisja titrażżan mill-missjonijiet tagħha ta’ ġustizzja u paċi fid-dinja u terġa’ tingħalaq f’ritwaliżmu sterili u pervers.

Forsi dan ma jasal biex iseħħ qatt. Forsi kien meħtieġ li l-aħħar Tridentisti jingħataw il-ħabel ħalli jitgħallqu bih. Forsi dan kollu hu parti minn pjan misterjuż ta’ Alla. Min jaf? Hu x’inhu, hi siegħa mudlama.

Godwin Xuereb, Pro Tridentina (Malta) President's note: This article, written 3 years ago by Maltese Dominican friar Mark Montebello (in the photo above in "typical" attire) was very negative and in fact he tried to ridicule all the efforts being done by traditional Catholics around the world. So much for ecumenism, the spirit of Vatican II, etc. As long as traditional Catholics are concerned, every insult is acceptable and legitimate. 

This article is still very relevant because the controversial priest has been summoned to Rome recently for a meeting with the head of the Dominican Order, Fr Carlos Aspiroz Costa, in the wake of other comments he wrote in the newspapers. It had been reported that Maltese Archbishop Paul Cremona insisted that the Dominican Order take steps against Fr Montebello, following articles he wrote about divorce and paedophilia as well as the priest's defence of a Nigerian person, who was charged with resisting arrest.

No comments:

Post a Comment