Ir-Rettur tas-Seminarju, Rev. Jimmy Bonnici |
IL-ĠENSILLUM tal-21 ta' Awwissu 2010 kien hemm artiklu inkwetanti. Nikkwotaw:
"Ir-Rettur tas-Seminarju,
Fr Jimmy Bonnici, irrikonoxxa li fost seminaristi Maltin, l-istess bħal
f’pajjiżi oħra, jeżisti r-riskju ‘perikoluż’ tal-klerikaliżmu u sostna
li kemm il-klerikaliżmu kif ukoll l-antiteżi tiegħu fejn seminaristi
“jinħbew wara l-kunċett ta’ tolleranza u jgħixu reliġjon privata” huma
‘inkwetanti’.
Numru ta’ qarrejja ta’ IL-ĠENSILLUM online
fil-ġimgħat li għaddew avviċinaw lil din il-gazzetta diġitali dwar
elementi ta’ ‘neo-klerikaliżmu’ fost saċerdoti ordnati dan l-aħħar, kemm
fl-ilbies tagħhom kif ukoll fil-mod kif iċċelebraw il-Prima Messa tagħhom."
Ir-reazzjoni ta' Pro Tridentina (Malta) ġiet ippublikata ġimgħa wara.
28 ta'Awwissu 2010
Sur Editur,
Nagħmel riferenza għall-artiklu “Ir-riskju ta' klerikaliżmu hu perikoluż” li deher fuq IL-ĠENSILLUM online tal-21 ta' Awwissu 2010. Personalment, hawn Malta nattendi l-quddiesa kemm bir-Rit skond il-Missal ta' Pawlu VI kif ukoll bir-Rit Tridentin minn saċerdoti li jqaddsu biż-żewġ forom. Ħassibni ħafna l-fatt li r-Rettur tas-Seminarju ta x'jifhem li huwa kontra r-Rit Tridentin. Tajjeb niftakru li:
"Ma hemm ebda kontradizzjoni bejn l-edizzjoni u l-oħra tal-Missal Ruman. Fil-ġrajja tal-Liturġija hemm tkabbir u progress, imma ebda qtugħ. Dak li għall-ġenerazzjonijiet ta’ qabel kien qaddis, jibqa’ qaddis u kbir anki għalina, u ma jistax f’daqqa waħda jkun għal kollox ipprojbit, jew saħansitra magħdud bħala ta’ ħsara. Ikun ta’ ġid għalina lkoll li nippreservaw ir-rikkezzi li xxettlu fil-fidi u fit-talb tal-Knisja, u li nagħtuhom il-post li jixirqilhom. Tabilħaqq, biex jgħixu għaqda sħiħa, anki s-saċerdoti tal-komunitajiet li huma marbutin mal-forma l-qadima ma jistgħux, bi prinċipju, jeskludu ċ-ċelebrazzjoni skond il-kotba l-ġodda. L-esklużjoni totali tar-rit il-ġdid ma tkunx għalhekk konsistenti mal-aċċettazzjoni tal-valur u l-qdusija tiegħu."
Dan il-kliem mhux jien qed ngħidu imma huwa mislut mill-ittra li l-Papa Benedittu XVI, bagħat lill-Isqfijiet madwar id-dinja biex jispjega aħjar ir-raġunijiet li wassluh biex jippromulga l-Motu Proprio Summorum Pontificum.
Tkun ħasra, għalhekk, jekk f'Malta nidhru li aħna kontra r-Rit Tridentin. Għal aktar informazzjoni wieħed jista' jidħol fis-sit:
Il-Fgura
GODWIN XUEREB
No comments:
Post a Comment