- Pro Tridentina (Malta) dejjem uriet - u se tibqa' turi - ubbidjenza lejn il-Papa u lejn l-Arċisqof.
- għadd ta' saċerdoti użaw il-media sabiex jattakkaw lil min għandu għal qalbu dan ir-Rit, inkluż attakki fuq saċerdoti ħuthom. U li f'ċerti każi dawn ta' l-aħħar qed jiġu mwarrba u redikolati.
- Pro Tridentina (Malta) tat stampa veritiera lis-Santa Sede dwar is-sitwazzjoni f'Malta, minkejja li kien hemm min kien se jikteb lill-Papa Benedittu XVI li f'Malta m'hawn ħadd li jrid il-Quddiesa bil-Latin.
- Pro Tridentina (Malta) kienet - u għadha - disponibbli li tassisti lill-Knisja sabiex dan ir-Rit jingħata l-post li jixraqlu, dejjem f'konformita' max-xewqa ta' Papa Benedittu XVI kif imniżżla f'Summorum Pontificum u Universae Ecclesiae.
MILL-ITTRA PASTORALI GĦALL-AVVENT – IL-KURAĠĠ LI NIĠĠEDDU
Xi drabi anke l-istess komunitajiet tal-Knisja bħal donnhom iħossuhom komdi jserrħu fuq dak li s-soltu jsir u jippreferu jkunu ripetittivi fil-messaġġ u fir-ritwal. Hemm min qed jagħlaq għajnejh għall-preżent, medhi bin-nostalġija tal-imgħoddi. F’ħafna każi għadna nitkellmu b’lingwaġġ u nużaw metodi tal-bieraħ, u dan minkejja li nafu li qed nirriskjaw bil-kbir, għax huma lingwaġġi u metodi li llum ma jinftehmux. Dan qed jissagrifika l-messaġġ tal-Vanġelu! Għaldaqstant, jekk ma noqogħdux attenti, anke fil-knisja nistgħu “nitqaddu”, il-liturġija ssir teatrin, il-knisja nirrenduha mużew tal-istorja!Il-Konċilju Vatikan II, li l-Knisja bdiet tiċċelebra ħamsin sena ilu, kien esperjenza qawwija tal-Ispirtu li fetħet orizzonti ġodda u kbar. Dakinhar l-Ispirtu s-Santu bejjet żerriegħa ġdida li, jekk inħalluha tnibbet u tikber, kapaċi tagħti wiċċ isbaħ lill-Knisja u lis-Soċjetà! Imma ġara li “xi żerrigħat waqgħu mal-mogħdija u ntrifsu, u l-għasafar tal-ajru naqqruhom kollha. Oħrajn waqgħu fuq il-blat, u nibtu u nixfu, għax tira ma kellhomx. Oħrajn waqgħu qalb ix-xewk, u x-xewk kiber magħhom u ħanaqhom. Oħrajn waqgħu f’art tajba, u nibtu u għamlu l-frott kull waħda mija” (Lq 8:5-8). Il-Konċilju kellu jkun qawwa kbira ta’ “aġġornament” tal-Knisja. Kif darba stqarr il-Papa tal-Konċilju, Pawlu VI, “il-Knisja kollha għandha tadatta ruħha għall-ħtiġijiet ġodda tad-dinja; fid-dawl tat-tagħlim tal-Konċilju, il-Knisja kollha hija impenjata għal dan it-tiġdid spiritwali u organizzattiv”.
Napprezzaw li frott ta’ dan il-Konċilju, fil-Knisja lokali saru diversi riformi, bħal, per eżempju, l-aġġornament fil-Liturġija u l-mod kif tiġi ċċelebrata bis-sehem aktar attiv tal-poplu, is-sehem tal-lajċi fil-qasam aktar wiesa’ tal-Katekeżi u tad-Djakonija, l-attenzjoni tal-Knisja lokali għall-ħtiġijiet tas-soċjetà, kif ukoll l-attenzjoni tagħha għal dawk l-aktar imbegħdin, l-insara mifrudin u saħansitra dawk li jħaddnu reliġjonijiet oħra jew li ma jħaddnu ebda twemmin. Imma billi xi żerriegħa waqgħet fuq il-blat u qalb ix-xewk, forsi din għadha ma tatx il-frott kollu mixtieq.
MILL-ITTRA PASTORALI TAL-AVVENT GĦAT-TFAL
Ħamsin sena ilu fil-Knisja kien hemm mument sabiħ meta il-Papa ta’ dak iż-żmien sejjaħ lill-Isqfijiet kollha tad-dinja biex jiltaqgħu flimkien fil-Vatikan ħalli bħala rgħajja jaraw kif l-insara tad-dinja kollha jistgħu jgħixu aħjar fuq it-tagħlim ta’ Ġesù. Dan kien mument qawwi tal-Ispirtu s-Santu tant li t-tagħlim li ħareġ dak iż-żmien għadu jgħodd sal-lum. Pereżempju fejn qabel il-quddiesa ma kien jifhimha ħadd għax kienet bil-Latin, illum issir bil-lingwa tal-post biex hekk kulħadd ikun jista’ jieħu sehem fil-quddiesa u jifhem dak li jkun qed isir u jingħad. Dak iż-żmien kienu biss is-saċerdoti li jgħallmu u jmexxu fil-knisja. Minn dak iż-żmien il-lajċi wkoll bdew jagħtu s-sehem tagħhom fil-ħidma tal-Knisja; pereżempju illum għandna rġiel u nisa jew żgħażagħ li jgħallmuna l-katekiżmu, li jqarbnu fil-Knisja u anke jmorru jqarbnu lill-morda fid-djar.*****************
Bħala President ta' Pro Tridentina (Malta) ma nistax ma nittamax li din il-Pastorali kienet sforz żelu żejjed għax il-Knisja se tiċċelebra għeluq il-50 sena tal-Konċilju Vatikan II. U nittama li bħalma l-Kurja diġa' fasslet serje ta' attivitajiet biex tfakkar dan l-avveniment, ma tħallix barra żewġ avvenimenti kbar oħra li l-2012 taħbat egħluq il-50 sena tagħhom:
- Il-Missal Ruman tal-Beatu Ġwanni XXIII (jiġifieri il-Missal tar-Rit Tridentin) u
- l-Kostituzzjoni Appostolika Veterum Sapientia dwar l-istudju tal-Latin, promulgata mill-istess Papa tal-Konċilju.
No comments:
Post a Comment