Monday, November 4, 2013

San Karlu Borromeo - Patrun ta' Pro Tridentina (Malta)

San Karlu Borromeo jqarben.
Wara li aktar kmieni din is-sena konna tkellimna fuq wieħed miż-żewġ qaddisin patruni ta' Pro Tridentina (Malta), jiġifieri San Filippu Neri, illum imissna nitkellmu fuq San Karlu Borromeo. Il-festa liturġika ta' Borromeo tiġi ċċelebrata f'dan il-jum (kemm fil-Forma Ordinarja u dik Straordinarja). Ħajtu fil-qosor:
 
SAN KARLU BORROMEO, Isqof u Konfessur li twieled f'Aron, l-Italja, fit-2 ta' Ottubru, 1538. Iben il-Konti Gilbert Borromeo u Margerita Medici. Ħa l-edukazzjoni tiegħu għand il-Benedittini. Fl-1559, zijuh, ħu ommu, ġie elett Papa li ħa l-isem ta' Piju IV. Is-sena ta' wara dan il-Papa ħatar lil Karlu Segretarju tal-Istat u għamlu Kardinal u amministratur tas-sede ta' Milan. Fost ix-xogħol li wettaq insibu l-għajnuna kbira li ta lill-Papa jlaqqa' l-Konċilju ta' Trento fl-1562, li kien ilu sospiż għaxar snin. Karlu kellu sehem kbir fit-tfassil tad-dokumenti tal-Konċilju. Fl-1563 ġie kkonsagrat Isqof ta' Milan. Huwa ħadem ħafna biex irriforma l-Knisja, waqqaf seminarji, kif ukoll il-Konfraternita' tad-Duttrina Kristjana għat-tagħlim tat-tfal u nkoraġġixxa lill-Ġiżwiti biex ikabbru l-ħidma tagħhom f'Milan. Ta' sehem sħiħ biex iġġieled lill-protestaniżmu u bosta Kattoliċi reġgħu lura fi ħdan il-Knisja wara li kienu telquha. Miet f'Milan fl-4 ta' Novembru 1584. Ġie ddikjarat qaddis fl-1610.

No comments:

Post a Comment